.

Naħla Maltija Vs. Bagħal taż-Żunżan – Ikseb il-fatti

Close-up of a wasp (Vespa orientalis) near a beehive entrance, illustrating defensive strategies of Maltese honey bees.

Għalkemm dan il-blog jista’ jidher twil (3 minuti qari), għal raġunijiet ta’ ċarezza, nitolbukom taqrawħ sal-aħħar!

L-ewwel artiklu tagħna fil-blog se jkun qed jindirizza kontroversja żgħira li tidher li qanqlet waħda mill-kartolini tagħna dwar l-istrateġiji difensivi li n-naħal Maltija tal-Għasel (Apis mellifera ruttneri) għandha kontra l-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis). Għalkemm diġà indirizzajna l-maġġoranza tal-interpretazzjonijiet żbaljati jew it-tħassib imqajma minn individwi, ħafna setgħu tilfu l-ispjegazzjonijiet tagħna f’diversi kummenti mibgħuta. Għalhekk, iddeċidejna li niġbru l-informazzjoni kollha f’post wieħed, sabiex inservu bħala punt ta ‘referenza u nevitaw ripetizzjonijiet bla bżonn.


  1. Il-Bagħal taż-Żunżan huwa indiġenu? Iva hu!

Il-Bagħal taż-Żunżan huwa speċi indiġena fil-gżejjer Maltin. Dan ifisser li ilha stabbilita fil-gżejjer Maltin għal ammont ta’ żmien sinifikanti. Evidenza għal dan il-fatt tista ‘tinstab f’diversi sorsi.

  • Irrapurtat bħala tali mill-esperti entomoloġiċi lokali, il-Prof. Mifsud (sors) u Dr Portelli (sors)

  1. Hemm xi evidenza li n-naħla Maltija evolviet strateġiji difensivi kontra l-Bagħal taż-Żunżan? Iva hemm!

Kif intqal, il-Bagħal taż-Żunżan huwa speċi indiġena. In-naħla tal-għasel Maltija li evolviet għal sekli sħaħ addattat biex tgħix u tiġġieled kemm elementi bijotiċi (predaturi, pesti, eċċ) kif ukoll abjotiċi (klima, ħabitat, eċċ) biex tirnexxi fl-ambjent li tinsab fih jiġifieri, l-Gżejjer Maltin. Fl-artiklu xjentifiku ppubblikat minn Sheppard et al. (1997), f’liema karta s-sottospeċi Maltija ġiet rikonoxxuta kategorikament bħala sottospeċi kompletament unika tan-naħla tal-għasel, l-awturi jirrapportaw: li n-naħal Malti juru kapaċità li jiddefendu kontra żnażan predaċi lokali, imġieba rapportata wkoll għal A. m. sicula (Ruttner, 1992). Din l-imġieba ma tinstabx fl-istokks Taljani importati lejn Malta (AG, dejta mhux ippubblikata).

Wieħed jista’ jistaqsi, kif tiġi esebita din l-imġieba? B’diversi modi!

  • Żieda fil-viġilanza u n-numru ta’ guard bees fl-entratura tal-kaxxa.
  • Żieda fl-imġieba difensiva murija lejn il-Bagħal taż-Żunżan. Xi kolonji tan-naħal maltija saħansitra jattakkaw lill-Bagħal taż-Żunżan.
  • Issiġillar tal-entraturi biż-żaftura (propolis) sabiex jiġi evitat li l-Bagħal taż-Żunżan jidħol fil-kaxxa (Iż-żaftura hi materjal simili għar-reżina magħmul min-naħal tal-għasel minn sustanzi reżinużi sabiex jissiġillaw ix-xquq. Ir-riċerka wriet li dan jippossjedi wkoll proprjetajiet antimikrobiċi).

Dawn l-istrateġiji kollha tistgħu tarawhom f’dan il-video li ġbarna:


  1. Għala l-popolazzjoni tal-Bagħal taż-Żunżan żdiedet dramatikament fis-snin riċenti? Għadu mhux ċar.

Sal-lum sar biss studju preliminari din il-kwistjoni. Jidher li fil-passat kienet speċi rari fil-Gżejjer Maltin, u dan l-aħħar żiedet il-firxa tagħha, u issa qed tiġi osservata f’numru konsiderevolment akbar u qed tkun ta’ theddida għall-apikultura lokali. Madankollu, xorta nistgħu naslu għal xi raġunijiet possibbli għala qed iseħħ din iż-żieda fil-popolazzjoni tal-Bagħal taż-Żunżan.

  • Kawżi antropoġeniċi inkluża l-urbanizzazzjoni jistgħu jkunu waħda mir-raġunijiet ewlenin għal din iż-żieda. Iż-żieda fil-popolazzjoni tan-nies u sussegwenti urbanizzazzjoni tfisser li din l-ispeċi għandha sors ta’ ikel iktar disponibbli li faċilment tista’ tisfrutta. Din iż-żieda setgħet involontarjament wasslet għal splużjoni fil-popolazzjoni tagħha. Strutturi abbandunati, jistgħu wkoll jipprovdu abitati idejali fejn il-Bagħal taż-Żunżan ibejjet.
  • It-tibdil fil-klima qed jikkawża ħafna bidliet fl-ekosistemi. Bidliet fl-ekosistemi direttament jew indirettament jikkawżaw bidla fit-tip u l-kwantità ta’ flora u fawna dipendenti fuq dik l-ekosistema. Eżempju ċar ta’ dan huwa ż-żieda fin-numru ta’ bram li qed nesperjenzaw dan l-aħħar tul ix-xtutna.

  1. L-istrateġiji li turi n-Naħla Maltija huma biżżejjed biex issolvi din il-problema? Ċertament li le!

Mhux qed ngħidu li l-istrateġiji murija min-naħal Maltija waħedhom se jsolvu l-problema tal-preżenza akbar tal-Bagħal taż-Żunżan. Xejn affattu! Lanqas ma aħna qed niċħdu l-effetti negattivi li l-Bagħal taż-Żunżan għandu fuq in-naħal li jipprova joħroġ biex jiġbor l-ikel minn barra u allura fuq il-produzzjoni lokali tal-għasel. Madankollu l-istrateġiji rrappurtati jżidu s-sopravivenza tal-kolonji individwali. Dawn żgur huma karatteristiċi ta’ żieda fir-reżiljenza u adattabilità fost il-kolonji tan-naħal tal-Għasel Maltin permezz ta’ imġieba li evolvew. Id f’id ma’ prattiki tajba tal-apikultura, dan jista’ jgħin biex tittaffa ftit mill-pressjoni kkawżata minn dan iż-żunżan.


  1. Għaliex in-naħal Maltija hija l-aqwa naħla għall-apikultura fil-gżejjer Maltin? Għal numru ta’ raġunijiet!

Iż-żieda fir-reżiljenza murija lejn il-Bagħal taż-Żunżan hija biss waħda minn diversi karatteristiċi ta’ benefiċċju li għandha n-naħal tagħna. Karatteristiċi vantaġġużi oħra jinkludu iżda mhumiex limitati għal; reżiljenza għall-kundizzjonijiet klimatiċi Maltin, adattament taċ-ċiklu tad-duqqajs skond iċ-ċiklu staġjonali Malti u żieda fir-reżiljenza għal Varroa.


  1. X’inhi l-problema ewlenija li qed tiffaċċja n-naħla tal-għasel ta’ Malta? Importazzjoni ta’ stokk tan-naħal barrani.

Kif dokumentat hawn, u rrappurtat f’bosta pubblikazzjonijiet x’imkien ieħor, in-naħla endemika hija l-aktar adattata u l-aktar vantaġġuża biex titrabba għal kwalunkwe attività tal-apikultura lokali. Il-problema hija li l-importazzjoni kontinwa tal-istokk tan-naħal barrani qed iwassal in-naħla tagħna stess għall-estinzjoni. It-tniġġis ġenetiku tan-naħla lokali jista’ jwassal biex titlef bosta mill-karatteristiċi vantaġġużi tagħha li jagħmluha ideali għall-Gżejjer Maltin. Il-proċess ta’ evoluzzjoni li biħ tkun evolviet imġiba difensiva kontra l-Bagħal taż-Żunżan (pereżempju) u li tibqa tiżdied fil-ġenerazzjonijiet ta’ wara, qed jiġi mminat bill-preżenza ta’ naħal tal-għasel barrani li m’għandhomx imġieba intrinsika bħal din. Ma nistgħux ninjoraw ukoll il-possibilita ta’ importazzjonijiet aċċidentali ta’ patoġeni jew pesti ġodda li jistgħu jikkawżaw ħsara fis-settur tal-apikultura lokali tagħna, kif ġara fil-passat bill-Varroa u AFB.


  1. Għaliex twaqqfet il-Koalizzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija? Biex isservi bħala pjattaforma!

Il-KNM qed tipproponi ruħha bħala l-pjattaforma fejn nies differenti jingħaqdu, irrispettivament mill-opinjonijiet jew twemmin personali sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sostenibbiltà tas-settur tal-apikultura Malti, permezz tal-konservazzjoni tan-naħal Maltija. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ għarfien u interpretazzjoni ħażina jwasslu biss għal informazzjoni ħażina. Każ partikolari, l-isfida tal-ħrejjef li ilhom jeżistu b’argumenti sodi (sostnuti minn studji xjentifiċi jew dokumentazzjoni rilevanti oħra) tfisser li l-stakeholders jistgħu jifformulaw opinjonijiet li huma bbażati fuq provi sodi, għall-kuntrarju ta’ prospetti bla bażi, li involontarjament se jaffettwaw b’mod negattiv lil kulħadd (direttament jew indirettament). U dan huwa wkoll dak li qed nippruvaw nagħmlu! Qed naqsmu l-informazzjoni u nagħmlu lill-pubbliku, lill-komunità tat-trobbija tan-naħal u awtoritajiet rilevanti oħra konxji ta’ xi wħud mill-karatteristiċi vantaġġużi li n-naħal Maltija għandha vis-à-vis l-apikultura fil-Gżejjer Maltin.


  1. X’hemm bżonn isir? Ningħaqdu flimkien u naġixxu b’mod kollettiv!

Il-problema tal-Bagħal taż-Żunżan hija problema reali u waħda mill-ħafna li l-komunità lokali tat-trobbija tan-naħal qed tiffaċċja. L-indirizzar ta’ din il-kwistjoni ċertament ikun pass pożittiv fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu kwistjonijiet imminenti oħra jeħtieġu azzjoni, u aktar ma nistennew, aktar nitilfu, każ partikolari ibridizzazzjoni tan-naħal tal-għasel lokali ma’ stokk barrani importat. Huwa għalhekk li dawk li jrabbu n-naħal, NGOs u awtoritajiet rilevanti oħra għandhom jingħaqdu flimkien jekk verament irridu li l-apikultura tibqa’ tgħaddi minn ġenerazzjoni għal-oħra!

Għamel Like u segwina fuq Facebook biex tkun aġġornat b’kwalunkwe żviluppi ġodda!

Għandna bżonn l-għajnuna tiegħek! Trid tkun involut fil-koalizzjoni? Ibgħatilna messaġġ fuq nahlamaltija@gmail.com


Discover more from Foundation for the Conservation of the Maltese Honey Bee

Subscribe to get the latest posts sent to your email.



Something went wrong. Please refresh the page and/or try again.

Leave a Reply

Discover more from Foundation for the Conservation of the Maltese Honey Bee

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading