.

In-Naħal Assedjat mill-Bagħal taż-Żunżan

Immaġni tal-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis) li qed jaqsam kaxxa tan-naħla f'Malta, bil-messaġġ "IN-NAĦAL ASSEDJAT MILL-BAGĦAL TAŻ-ŻUNŻAN!"

Il-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis) huwa speċi indiġena fil-gżejjer Maltin. Però, dawn l-aħħar snin qed ikun hawn żieda qawwija fil-popolazzjoni tagħhom. Din saret allarmanti. Għalkemm fil-passat jidher li dan kien speċi rari lokalment, fiż-żmien riċenti ż-żieda fil-firxa u numri huma sinjifikanti. Dan qed iwassal sabiex din l-ispeċi issir problematika u tkun ta’ theddida għall-apikultura lokali kif ukoll għan-nies inġenerali. Bagħal taż-Żunżan wieħed jista’ joqtol sa erbgħin naħla kuljum! Mil-lat ta’ konservazzjoni tan-Naħal Maltija li hi endemika għal gżejjer Maltin, dan l-insett qed ukoll iservi ta’ theddida ghax idgħajjef il-kolonji lokali.

“Dan qed iwassal sabiex din l-ispeċi issir problematika u tkun ta’ theddida għall-apikultura lokali…”

In-Naħla Maltija żviluppat strateġija ta’ difiża u kapaċi tattakka u toqtol lill- Bagħal taż-Żunżan. Meta t-theddidha tkun kbira, xi kolonji tan-Naħla Maltija kapaċi jissiġillaw il-kaxxa biż-żaftura biex ma jħallux lill-Bagħal taż-Żunżan jidħol ġewwa u joqtolhom. Pero, għalkemm in-naħla lokali għandha tipi t’adattament sabiex tipproteġi lilha nnifisha kontra dan l-insett, il-problema tant saret kbira li qas dawn m’huma biż-żejjed. Wieħed jista’ jargumenta li meta n-naħla tissakkar ġewwa m’hijiiex karatteristika tajba għax ma jkunx hemm ġbir ta’ nektar. F’dan it-tip t’ assedju n-naħla jkollha żewġ għażliet; jew tissakkar ġewwa u almenu tgħix, jew tinqered.

Minħabba din il-problema relattivament ġdida, in-naħħala ma jistgħux jagħmlu frieħ ġodda fil-perjodu fejn dan l-insett ikun attiv. Xi naħħala anke osservaw li meta l-attakk ikun kbir xi frieħ jitilqu mill-kaxxa. Minħabba f’hekk il-perjodu ta’ meta wieħed jista’ jagħmel frieħ tan-naħal sar limitat ħafna. Dan il-fattur inaqqas b’mod dirett is-sostenibbiltà tas-settur għax ma jkunx hemm biż-żejjed tiġdid fil-kolonji tan-naħal minn sena għal oħra.

F’ dan il-vidjo naraw in-naħal fil-process li jħalli l-kaxxa biex jevita l-assedju mill-Bagħal taż-Żunżan. Ftit wara dan il-video din il-kaxxa spiċċat bla naħal għax abbanduna l-post.

Sfortunatament, s’issa jidher li din il-problema n-naħħala sa jkollhom jiffaccjawha waħedhom. Fit-30 ta’ Awwissu 2022 informajna lill Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA); Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża; Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, bil-miktub u sal-lum għadna qed nistennew risposta.


Int, bħala naħħal x’tista’ tagħmel biex iżżid iċ-ċans li ssalva l-kolonji tan-naħal u timmitiga kemm jista’ jkun din il-problema?

1) Tagħmilx frieħ tan-naħal iktar tard minn Mejju u meta tagħmel il-frieħ assigura li hemm numru sostanzjali ta’ naħal, ħalli kif jibda’ l-assedju tal-Bagħal taż-Żunżan (f’Awwissu u li jdum sa xi nofs Ottubru) ikollhom popolazzjoni kbira biżżejjed. Importanti li tibqa’ titma’ lill-frieħ ħalli dawn iżidu fin-numru ta’ naħal. Nifhmu li din hi problema għax qsar ħafna l-perjodu ta’ meta jistgħu jsiru l-frieħ. Meta nikkunsidraw li minħabba l-bioloġija ta’ kif jitgħammar in-naħal, hu diffiċli li jsiru frieħ ġodda iktar tard fil-ħarifa u fix-xitwa.

2) Proteġi lill-frieħ billi tara li l-kaxxa ma tkunx kbira u l-entratura tkun żgħira ħafna. B’hekk in-naħal ikollu iktar kontroll fuq l-ispazju intern u tkun iktar diffiċli għall-Bagħal taż-Żunżan li jidħol fil-kaxxa.

3) Aqta’ inqas għasel (u nagħtu iktar ikel) biex in-naħal ikollu biex jgħix waqt l-assedju li fih jew joqgħod ġewwa jew joqgħod jinħela jiġġieled mal-Bagħal taż-Żunżan. Intrinsikament, dan jagħmel is-settur inqas sostenibbli għax mhux talli n-naħal qed jitlef milli jiġbor in-nektar tal-Ewkaliptus li jwarrad f’dan il-perjodu u għalhekk qed iffiser staġun inqas ta’ għasel. Imma n-naħħal qed ikollu jidħol għal spejjeż addizzjonali biex jitma’ lin-naħal u/ jew ma jiġborx għasel. Apparti li t-telf ta’ ħafna naħal ifisser tnaqqis fil-popolazzjoni tal-kolonji, liema kolonji ma jkunux jistgħu jkunu produttivi biżżejjed fl-istaġun tal-għasel li jkun imiss.

4) Ara li trabbi n-naħla endemika Maltija (Apis mellifera ruttneri) għax din hi l-aktar waħda addattatha għal din is-sitwazzjoni. Importanti wkoll li ma jiġix importat naħal minn barra, sabiex mhux biss nevitaw l-introduzzjoni ta’ mard u pesti ġodda imma wkoll ma ntellfux l-adattament li għandha n-Naħla Maltija minħabba taħlit ma’ subspeċi barranin, li wkoll jagħmel lis-settur inqas sostenibbli.

5) B’responsabiltà, jistgħu jsiru nases sabiex jinqabad dan l-insett. Però huwa wkoll importanti li nassiguraw li dawn l-istess nases ma jkunux ta’ periklu għal xi speċi oħra.


Discover more from Foundation for the Conservation of the Maltese Honey Bee

Subscribe to get the latest posts sent to your email.



Something went wrong. Please refresh the page and/or try again.

Leave a Reply

Discover more from Foundation for the Conservation of the Maltese Honey Bee

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading