.

Meta n-Naħla Maltija Titlaqqa’ mal-Letteratura: ‘Tingiż Impotenti’

Close-up of a Maltese honey bee perched on a wooden surface, showcasing its intricate details and structure.

In-Naħla Maltija għal dan il-pajjiż, hi ħafna iktar minn apikultura u ekoloġija. Fil-poeżija ‘Tingiż impotenti’, l-awtur Dylan Farrugia, ko-fundatur u amministratur tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, iħaddem il-poeżija biex joħroġ il-karba ta’ ħafna dwar il-qirda ambjentali li qed naraw madwarna, imżewġa mar-rispett li jeħtieġilna jkollna lejn il-wirt naturali, li hu minsuġ sew mal-għeruq ta’ pajjiżna.


Tingiż impotenti

Awtur: Dylan Farrugia

U l-ħaddiema qamu f'daqqa – bdew jittewbu żarżir fin,
Hekk kif ħarġu jdakkru l-fjuri – sagħtar silla u l-klin,
U mix-xehda ħarġu joforgħu – kemm ittajru mal-irjieħ,
Lebbtu lejn il-wilġa’ s-soltu – ma’ dawlet iż-żerniq,
U fejn dari biswit girna – indara fidloqqom u lellux,
L-ikħal isfar jgħajjat intefa – għax dis-sena baqa’ trux,
U dawru r-rotta għall-ħarruba – fejnha żgur hemm il-boqxiex,
Fittxew fittxew bil-bosta – imma n-nemes qallhom ma’ rajhiex,
U staqsew farfett tal-fejġel – imnejn marru dawk l-ilwien,
Imnejn marret il-ħarruba – mank juriehom xrara għodrien,
U tgħarrfilhom bejn tilfiqa – issa iswed-griż sar moda,
Imxija tar-rebgħa, qerq u sfreġju – il-ħakem anke lilu froda,
U bħal vleġeġ marru l-bejta – biex ixerdu l-bxara l’ aħwa,
Kif se’ nżoqqu lil uliedna – lill-ħaddiema s-saħħa il-qawwa?
U rewwixta bdiet tinkalja – għadab qilla saħnu rjus,
Telqu jfittxu bla ‘l fejn jafu – demm ibaqbaq rabja l-ħsus,
U mostru jleqq tal-azzar sabu – pruvaw kollox biex jgħelbuh,
Imma l-iskrun qas biss ta’ kashom – iqaċċat skiet għalih il-ġuħ!
Dakinhar bil-gzuz spiċċaw, ħafna naħal jaqgħu raw,
Traġedji żgħar ta’ kuljum, imma min sippost ilum?
Fil-għasel tagħha sibna, ta' pajjiżna isimna,
X’ħasra kbira inkasbruha, f'postha xieraq ngħolluha,
Ta’ dil-ħlejqa midjunin, u kull ma jmur tkompli
tnin . . .
              tnin . . .
                             tnin . . .


Din il-kitba ġiet sottomessa fil-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2024 organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fejn klassifikat fit-12-il post minn 58 sottomissjoni. Il-kriterji abbażi l-poeżiji ġew evalwati jinkludu; oriġinalità, teknika, forma, għażla tal-kliem u l-impressjoni tal-qarrej. It-tlett aġġukidanti kienu l-kittieba John P. Portelli, Rita Saliba u l-pubblikatur David Bezzina.




Discover more from Foundation for the Conservation of the Maltese Honey Bee

Subscribe to get the latest posts sent to your email.



Leave a Reply

Discover more from Foundation for the Conservation of the Maltese Honey Bee

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading