Il-Bagħal taż-Żunżan (Vespa orientalis) għadu jkompli joħloq theddida serja għan-Naħla Maltija, għat-trobbija tan-naħal f’Malta, għall-bijodiversità u għas-sigurtà pubblika. B’reazzjoni għal din l-isfida, il-Fondazzjoni qed issaħħaħ il-ħidma kollaborattiva tagħha billi taħdem ma’ professjonisti lokali biex tiżviluppa soluzzjonijiet għal din l-isfida dejjem tikber.
- Sħubija ma’ kumpanija professjonali tal-Kontroll tal-Pesti biex tappoġġja t-tneħħija sigura u professjonali tal-bejtiet tal-Bagħal taż-Żunżan.
- Kollaborazzjoni ma’ naħħal u innovatur lokali għall-produzzjoni ta’ gaġġa protettiva ddisinjata apposta biex tipprevjeni d-dħul tal-Bagħal taż-Żunżan fil-kaxxi tan-naħal.
Tneħħija tal-Bejtiet tal-Bagħal taż-Żunżan

Il-Fondazzjoni ssieħbet ma’ kumpanija professjonali tal-Kontroll tal-Pesti sabiex toffri servizz sigur u koordinat għat-tneħħija tal-bejtiet tal-Bagħal taż-Żunżan. Hekk kif dawn il-bejtiet jibdew jistabbilixxu ruħhom matul ix-xhur sħan tas-sajf, inħeġġu lil kull min jeħtieġ dan is-servizz jimla l-formola t’hawn taħt.
Barra minn hekk, il-kumpanija tal-Kontroll tal-Pesti qablet b’mod ġeneruż li tagħti donazzjoni lill-Fondazzjoni minn parti mill-miżata ta’ kull servizz li twettaq. Dan ifisser li, billi tagħmel użu minn dan is-servizz, mhux biss tkun qed tappoġġja negozju Malti lokali, iżda wkoll tikkontribwixxi biex jiġu promossi aktar għarfien u inizjattivi mmirati lejn l-isfidi li qed tiffaċċja n-Naħla Maltija, l-Insett Nazzjonali ta’ Malta.
Gaġġa Protettiva kontra l-Bagħal taż-Żunżan għall-Kaxxi tan-Naħal
Il-Fondazzjoni ssieħbet ma’ naħħal u innovatur lokali sabiex tagħmel disponibbli lill-naħħala madwar Malta gaġġa protettiva kontra l-Bagħal taż-Żunżan.
Il-gaġġa titwaħħal mal-parti ta’ quddiem tal-kaxxa tan-naħal u hija ddisinjata biex tipprevjeni lill-Bagħal taż-Żunżan milli jasal sal-entratura tal-kaxxa, filwaqt li tippermetti lin-naħal tal-għasel jidħol u joħroġ liberament. Il-gaġġa tista’ tiġi adattata biex taqbel mal-kaxxi kollha użati f’Malta, filwaqt li jistgħu wkoll jiġu manifatturati verżjonijiet custom skont il-ħtiġijiet tal-naħħal.
Skont l-osservazzjonijiet tal-iżviluppatur, kolonji protetti b’dawn il-gaġeġ urew saħħa u rata ta’ sopravivenza aħjar meta mqabbla ma’ kolonji mhux protetti. Dan wassal ukoll biex il-kolonji protetti kienu aktar produttivi matul il-perjodu ta‘ wara. Id-disinn ġie żviluppat u ttestjat matul diversi staġuni tat-trobbija tan-naħal.
Kull gaġġa tinbiegħ għall-prezz ta’ €50.
In-naħħala li jixtiequ jixtru l-gaġġa jew jixtiequ aktar informazzjoni huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Fondazzjoni permezz tal-email info@maltesehoneybee.org.

Biex tibqa’ aġġornat/a dwar il-ħidma tal-Fondazzjoni, nistednuk tingħaqad mal-komunità tagħna fuq WhatsApp. Il-ħidma tal-Fondazzjoni tiddependi fuq riżorsi finanzjarji, u l-appoġġ tiegħek huwa essenzjali biex inkunu nistgħu nkomplu nwettqu l-missjoni tagħna. Kull kontribuzzjoni, tkun kemm tkun żgħira, tagħmel differenza reali. Tista’ tappoġġja l-Fondazzjoni billi tingħaqad mal-kawża tagħna, issir sostenitur għal €10 fis-sena, jew tagħmel donazzjoni hawnhekk: Appoġġja lill-Fondazzjoni.







Leave a Reply